rapport orizzont re. ‘St. John’s Co Cathedral extension’
September 2nd, 2009 Posted in HIDMA POLITIKAAħbarijiet
——————————————————————————–
Il-pjan għal mużew taħt l-art quddiem San Ġwann:
Proġett estravaganti f’sitwazzjoni miskina
– Jeffrey Pullicino Orlando (PN)
Id-Deputat Parlamentari Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando l-bieraħ fil-għodu fil-Parlament ikkritika b’mod qawwi l-proġett li titħaffer ħofra kbira quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann biex jinbena mużew konness masl-istess Kon-Katidral. Il-proġett trid tagħmlu l-Fondazzjoni li tmexxi l-Kon-Katidral, proġett li diġà ntefqu fuqu eluf kbar ta’ ewro mingħajr ma għadu nbeda u ħadd ma jista’ jgħid kemm se jkun jiswa.
Għal dan il-proġett saret applikazzjoni għal 14-il miljun ewro mill-iStructural and Cohesion Funds tal-Unjoni Ewropea.
Jeffrey Pullicino Orlando ngħaqad mal-Kummissjoni Patrimonju Kulturali Kattoliku u mal-Kapitlu tal-Monsinjuri tal-Kon-Katidral li oġġezzjonaw bis-sħiħ għal dan il-proġett kif inhu propost.
Sostna li hemm monumenti storiċi kbar bħalma huma l-Forti Sant’Iermu u l-Forti Sant’Anġlu li jinsabu fi stat tal-biki u bi spiża ferm u ferm inqas minn dik pjanata għall-mużew tal-Kon-Katidral jistgħu jkunu restawrati u jkun evitat l-periklu li nitilfu ġawhriet bħal dawn darba għal dejjem. Qal li l-Forti Sant’Iermu jista’ jkun salvat bi spiża ta’ 2.5 miljun ewro.
Il-Kamra tad-Deputati l-bieraħ fil-għodu bdiet tiddiskuti l-Baġit għas-sena 2009 f’livell ta’ Ministeri. Il-bieraħ fil-għodu kienu diksussi l-estimi finanzjarji għall-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-proġett inkwistjoni se jikkawża inkonvenjent kbir tul il-medda ta’ snin li se jdum ma jitlesta. Dan mhux biss għar-residenti tal-Belt imma wkoll għan-negozju.
Huwa diffiċli ħafna biex wieħed jifhem kif dan mhux se jikkawża ħsarat fuq xogħol li għadna kif lestejna fuq it-toroq tal-Belt meta se jinġarr il-materjal kollu li se jinqala’ biex titħaffer ħofra enormi ta’ madwar erba’, ħames sulari f’nofs il-Belt.
Żied jgħid li huwa diffiċli biex wieħed jifhem kif, minkejja kwalunkwe prekawzjoni li tista’ tittieħed, mhux se ssir ħsara potenzjalment rreparabbli lil ġawhra storika li hu l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann innifsu. Huwa diffiċli li n-nies jifhmu kif il-Fondazzjoni nkarigata mit-tmexxija tal-Kon-Katidral waqqfet lil sid ta’ ħanut fil-viċinanzi milli jħaffer għal ‘safe’ fil-ħanut tiegħu għax qalet li kien qed jikkawża ħsarat, imbagħad l-istess Fondazzjoni titfa’ applikazzjoni għal dik li essenzjalment se tkun qisha barriera eżatt biswit il-Kon-Katidral!
Id-Deputat Nazzjonalista rrimarka li l-perit inkarigat minn dan il-proġett irrifjuta li jagħti l-garanzija tiegħu li l-proġett ma kienx se jikkawża ħsarat konsiderevoli. Id-Direttorat tal-Ippjanar fil-MEPA ddikjara li “in spite of precautions and mitigation methods, the potential risk to St John’s Cathedral cannot be elimated”. Pullicino Orlando qal li kliem bħal dan għandu mhux biss iqajjem preokkupazzjonijiet serji iżda għandu jfakkarna lkoll x’responsabbiltà għandna quddiem l-Istorja u quddiem il-ġenerazzjonijiet futuri jekk inkunu aħna l-kaġun ta’ ħsara lil post bħalma hu l-Kon-Katidral.
Żied jgħid li jidher illi kontra dak li ntqal pubblikament, se jsir skavar saħansitra taħt il-Kon-Katidral innifsu biex jingħaddu passaġġi kif ukoll għal liftijiet massivi li hemm ippjanati għal dan il-proġett.
Ilmenta wkoll mill-‘generators’ massivi li hemm maħsubin għal dan il-proġett jekk jinzerta jinqata’ d-dawl. Sostna li l-vibrazzjonijiet tagħhom se jregħdu s-sisien tal-Kon-Katidral.
Id-Deputat Nazzjonalista kien kritiku wkoll għall-fatt li hemm ukoll applikazzjoni biex jissaqqaf bil-ħġieġ iċ-ċimiterju tal-Kon-Katidral. Il-bini tal-madwar jista’ jitmermer minħabba l-bdil fil-’microclimate’ tal-ġebla li se titgħatta bil-ħġieġ u se tkun esposta għal element qawwi ta’ sħana u umdità minħabba n-nifsijiet tal-viżitaturi li se jgħaddu minn din is-sezzjoni tal-proġett.
Sostna l-kritika tiegħu billi kkwota lill-Professur Taljan Sante Guido, espert ta’ fama indiskussa li kien fdat bi proġetti ta’ restawr fil-Kon-Katidral innifsu, li kiteb li “it is utter madness to further excavate the area beneath the Cathedral in order to open a museum’. Sante Guido lmenta wkoll li qatt ma kien konsultat mill-Fondazzjoni fuq dan il-proġett li tefgħu applikazzjoni għalih quddiem il-MEPA.
Jeffrey Pullicino Orlando qal li ferm preokkupanti huwa l-fatt illi jidher li qatt u ħadd ma jista’ xi darba jikkwantifika eżatt kemm jista’ verament jiġi jiswa proġett bħal dan, taħt l-art. Staqsa x’jiġri jekk wara li jkun inbeda l-proġett u nsibu li biex jitkompla rridu għaxar jew għoxrin miljun ewro oħra jew aktar, kif ġieli ġara fil-każ ta’ proġetti oħrajn wisq inqas komplessi.
“X’nagħmlu? Nabbandunaw il-proġett? Ma tistax tħalli barriera f’nofs il-Belt u jkollna nitfgħu gelgul liri għal ġo din il-ħofra biex inkompluh, irridu jew ma rridux. U nispiċċaw, kif ġieli ġara, biex fondi li setgħu jintużaw b’wisq aktar għaqal għal proġetti li għandna nagħtuhom wisq aktar prijorità, inwarrbuhom għax ma jkollniex fondi biżżejjed għalihom.”
Id-Deputat Nazzjonalista qal li wieħed m’għandux jinsa l-ispejjeż biex jitmexxa proġett bħal dan anke wara li jitlesta. L-ammont ta’ dawl li jrid jintuża biex jitħaddmu sistemi ta’ arja kkundizzjonata u kontra l-umdità biex jinżamm ambjent stabbli fi proġett li fih se jkun hemm l-arazzi se jkun spiża fenomenali.
Pullicino Orlando enfasizza li l-akbar prijorità li għandu l-Kon-Katidral hija li jkun protett il-pavimentar uniku tiegħu. Staqsa kienx jagħmel aktar sens illi kieku l-Fondazzjoni ffokat fuq proġett li jaffaċċja din is-sitwazzjoni darba għal dejjem.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li diġà ntefqu eluf ta’ ewro fuq dan il-proġett u għadu lanqas biss inbeda. “Naf li l-avviżi li ġew ippubblikati fuq il-gazzetti kif ukoll il-‘leaflets’ li kienu ntiżi li jservu bħala propaganda għal dan il-proġett ġew jiswew 14-il elf ewro. L-EIA se jiġi jiswa madwar 50 elf ewro. Mhux aħjar dawn il-flus infaqnihom fuq ir-restawr? Ċertament li mhux se jkun ir-reklamar li jiġġustifika proġett bħal dan f’għajnejn il-poplu u dan aktar u aktar fl-isfond ta’ tant monumenti storiċi oħrajn li għandhom bżonn mhux titjib jew estenzjonijiet iżda interventi urġentissimi saħansitra biex isalvaw minn rovina irreparabbli.”
Filwaqt li staqsa jkunx aktar għaqli, u orħos, li l-Fondazzjoni tixtri xi wieħed mill-palazzi li hemm għall-bejgħ fil-viċinanzi tal-Kon-Katidral u tużah għall-istess skop, id-Deputat Nazzjonalista temm l-intervent tiegħu b’appell għal prijoratizzar b’ħafna għaqal u b’ħafna ħsieb u b’hekk ikun konsolidat dak li għandna filwaqt li jitvaraw proġetti oħrajn biss fejn dan hu meħtieġ l-aktar.
——————————————————————————–
Aħbarijiet Lokali – Aħbarijiet ta’ Barra – Opinjoni – Editorjal – Features
Artikli – Ittri lill-Editur – Rati tal-Avviżi – Arkivji – Ikkuntattjana
Termini u Kundizzjonijiet (in English)






You must be logged in to post a comment.